Is-Società

Storja tas-Società

Fundatur ta’ din is-Soċjeta – Pawlu Darmanin

PawluDarmaninImnebbaħ mill-mużika melodjuża u sinfonika ta’ Maestro Nani, fis-sena 1874, is-Sur Pawlu Darmanin, partitarju akkanit tal-festa ta’ San Pawl, imħeġġeġ mill-entużjazmu ta’ għadd ta’ żgħażagħ Pawlini, fetah it-triq biex jinagħta bidu għat-twaqqif tas-Soċjetà Mużikali fil-Belt li tkun tista tibda tieħu sehem fic-ċelebrazzjonijiet esterni tal-festa ta’ San Pawl fl-10 ta’ Frar. Fl-10 ta’ Diċembru 1874 quddiem in-nutar Dr. Giovanni Pullicino, ħamsa u tletin żagħżugħ Belti ntrabtu b’att pubbliku mas-Sur Pawlu Darmanin li jiffurmaw Soċjetà ta’ Banda Mużikali. F’dan l-att pubbliku, dawn iż-żgħażagħ iddikjaraw li huma jaħtru bħala diretturi u kapijiet tas-Soċjetà li kellha bidu tagħha fid-19 ta’ Ottubru 1874, lis-Sinjuri Luigi Carabott u Pawlu Darmanin.

Aktar ma beda għaddej iż-żmien, aktar beda jinħass il-bżonn li s-Soċjetà jkollha każin tagħha. Wara ħafna taħbit, instabet dar fi Triq Punente u malajr krewha. Wara Triq Punente b`ħidma tal-Kumitat tad-Direzzjoni instab post adattat għall-Każin tas-Soċjetà fi triq Marsamxett. Wara li nkriet sarulha xi alterazzjonijiet biex tkun tista takkomoda is-soċji u l-bandisti biex is-Soċjetà tkun tista’ torganizza ruħha aħjar.

Matul is-sena 1880, il-każin gie ttrasferit minn Triq Marsamxett għall-Pjazza Reġina, illum Misraħ Kastilja, li tiġi kantuniera ma’ Triq Sant’ Ursola.  Maż-żmien id-dar kbira li kienet il-Każin ta’ “La Valette” bdiet isservi bħala Officers’ Mess tal-R.A.F.  Din id-dar twaqqgħet u flokha illum tela’ bini tal-Uffiċċji tal-Gvern.  Fit-22 ta’ Marzu 1881, il-Kumitat iddeċieda li jikri appartament fid-dar tas-Sur Vincenzo Axisa fuq il-moll ta’ Tas-Sliema, Strada Marina f’Tigne’ bħala Każin għas-soċji fis-sajf.  Fil-15 ta’ Mejju ġie inawgurat dan il-każin tas-sajf fejn il-bandisti u soċji setgħu jiltaqgħu flimkien għall-frisk tal-baħar flok fil-Każin tal-Belt.  Sede oħra tas-Società Filarmonica “La Valette” kienet tinsab f’numru 27 Triq Alessandro.  Din kienet tiġi fuq Putirjal, iżda illum ma għadiex teżisti minħabba t-twaqqieħ ta’ l-istesss bieb wara l-gwerra. Fi Frar tal-1911, is-Soċjetà kriet dar kbira fi Triq San Ġwann, numru 111, fejn illum hemm il-Cumberland Hotel.  Fit-18 ta’ Ottubru 1924 saret l-inawgurazzjoni tal-Każin il-ġdid fi Triq Irjali, illum Triq ir-Repubblika. Il-palazz kien magħruf bħala Manchester House.

Din is-sede għada taqdi l-ħtiġijiet tas-Soċjetà sal-ġurnata tal-lum.  Issa f’dan il-post il-ġdid il-kummissjonijiet differenti li diga’ kienu twaqqfu, bħal dawk tal-Billiards, Festini, Ballijiet u oħrajn bdew iżidu fl-attivitajiet tagħhom.  Fil-jiem tal-Karnival, il-Kummissjoni Ballijiet bdiet torganizza l-ballijiet u l-veljuni u saħansitra anki ballijiet għat-tfal.  Il-Kummissjoni festini kienet ta’ spiss torganizza kunċerti mużikali fil-Każinn u kull nhar ta` Ħadd filghodu mill-10.00 a.m. sa 12.30 p.m. fil-Każin kien ikun hemm orkestra ddoqq.  Fis-sala l-kbira tal-Każin kull nhar ta’ Sibt kien isir it-teatrin għall-familji tas-Soċji.  Kienet tieħu sehem il-Kumpanija Maltija l-Indipendenza.

Fl-1941 bomba kbira heżżet il-każin sa mis-sisien u ġarrfet il-parti ta’ ġewwa fuq in-naħħa tal-lemin.  Ftit wara fl-istess post iġġarraf ajruplan tal-għadu; fortunatament ħadd ma ndarab għalkemm kien ħalla ħerba sħiħa.